Il-‘monstru’ Mawritanju

The Mauritanian

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ l-Iskoċċiż Kevin Macdonald, dan it-thriller drammatiku hu ispirat mill-ktieb ‘Guantánamo Diary’ ta’ Mohamedou Ould Slahi.  L-awtur hu Mawritanju li fl-2002 ntefa’ fil-ħabs Amerikan ta’ Guantánamo mingħajr ma nħarġitlu akkuża formali.  

L-awtoritajjiet Amerikani arrrestawh fuq suspett li għen u forsi anke rrekluta l-hijackers li tajru l-ajruplani għal ġol-World Trade Centre fl-att terroristiku li kien seħħ fil-11 ta’ Settembru 2001.

Id-direttur Macdonald ħa l-pass kuraġġuż li jagħtina l-istorja mill-perspettiva ta’ Slahi.  F’din il-parti naraw lill-attur Franċiż ta’ nisel Alġerin, Tahar Rahim.

“The Mauritanian” hu film iebes.  Hu l-oppost ta’ films bħal “Zero Dark Thirty”, fejn il-konklużjoni hi li kull azzjoni hi ġustifikata sabiex titħares is-sigurtá ta’ l-Amerika.  

Jodie Foster għandha l-parti ta’ l-avukat Nancy Hollander li tieħu l-pass kuraġġjuż li tiddefendi lil dan is-suppost monstru.  Il-parti tfakkrek sew fil-parti li kellha f’“The Silence of the Lambs”, bid-differenza li m’hemmx l-idea li l-Mawritan qed jipprova jimmanipulha bħal fil-każ ta’ Hannibal Lecter.

“The Mauritanian” jibda b’pass kajman, fejn l-udjenza titħalla ssir xettika lejn Slahi.  Mal-ħin, il-film jibni momentum hekk kif nibdew insiru nafu kif kien qed jiġi ttrattat fil-ħabs u Hollander tibda l-kruċjata sabiex tilliberah. 

Il-film jippreżentalna wkoll lil Benedict Cumberbatch fil-parti tal-prosekutur militari, it-tenent kurunell Stuart Crouch.  Dan il-prosekutur militari ikollu ħafna dokumenti meqjusa sigrieta li jagħmluha impossibbli għall-avukat Hollander u l-assistenta tagħha Teri Dunacan (Shailene Woodley) sabiex jiddefendu l-klijent tagħhom.

Kemm Tahar Rahim kif ukol Jodie Foster huma nnominati għal Golden Globe Award. 

The Little Things 

Dan it-thriller jippreżentalna kast interessanti:  Denzel Washington u Rami Malek fil-partijiet ta’ żewġ uffiċċjali tal-ħarsien tal-liġi u Jared Leto fil-parti ta’ Albert Sparma, li jkun qed jiġi nvestigat b’konnessjoni ma’ numru ta’ delitti brutali.  Leto hu nnominat għal Golden Globe Award.

Il-pulizija  Deakon u Baxter ikunu konvinti li Sparma hu l-qattiel.  Imma waqt l-interrogazzjoni, Sparma juri li jilħaqlu sew, dejjem bir-risposta fil-komma.  Sparma jidher li hu kuntent li għandu l-attenzjoni kollha mixħuta fuqu.

B’mod ġenerali, meta tqis l-preżenza ta’ tliet atturi ta’ dan kalibru, wieħed jistenna xi ħaġa aktar superjuri.  B’storja li sseħħ fid-disgħinijat, il-film jispiċċa qiesu xi episodju mis-sensiela C.S.I., b’tmiem tajjeb li jfakkrek fit-thriller “Se7en” li konna rajnaf’Marzu tal-1996 b’Morgan Freeman u Brad Pitt.

“The Little Things” huwa wieħed minn dawk il-ftit films fejn l-interpritazzjoni ta’ Denzel Washington hi superata minn dik ta’ attur ieħor: f’dan il-każ minn dik ta’  Rami Malek fil-parti tad-detective Jim Baxter.  Washington fil-parti ta’ Deakon, ma jagħtinix dik il-kwalitá u l-ossessjoni li l-iskript jidher qed jagħmel ħjiel għaliha.  Deakon ikun għadu irid isolvi każ antik, li jiġi assorbit f’din l-investigazzjoni.

Id-direttur John Lee Hancock kiteb l-iskript għal dan il-film kważi 30 sena ilu, wara li tlesta “A Perfect World” ta’ Clint Eastwood, li għalih Hancock anke kien responsabbli għal dak l-iscript.  Dak iż-żmien, Clint Eastwood kien interessant  li jidderieġa “The Little Things” qabel spiċċa fil-kexxun għal dawn is-snin kollha.

Dear Comrades!

Dan il-film rebaħ il-Premju tal-Ġurija meta f’Settembru pparteċipa fil-festival ta’ Venezja.  Huwa l-film li ġie mressaq mill-awtoritajiet Russi biex jiġi kkundidrat għall-Oscars.  Il-ġimgħa l-oħra tħabbar li “Dear Comrades!” hu wieħed mill-15 il-film internazzjonali li hu shorltisted għal nominazzjoni fl-Oscars.

Maħdum taħt id-direzzjoni tal-veteran Andrei Konchalovsky, “Dear Comrades!” jirrakkonta b’mod dettaljat il-massakru li seħħ f’Novocherkassk.  Dak in-nhar, suldati u snipers tal-KGB fetħu n-nar fuq ħaddiema li kienu qed jistrajkjaw u li ma kienux armati.  Inqatlu mat-80 ħaddiem.  

L-istrajk kien riżultat tal-iskuntentizza li kien hemm meta l-ħaddiema sabu rwieħhom wiċċ imb’wiċċ ma’ kwoti akbar ta’ produzzjoni u fl-istess ħin żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-ħalib u l-laħam.

Il-protagonista hi l-attriċi Yuliya Vysotskaya li spiss tidher fil-films tad-direttur Andrei Konchalovsky.  Għandha l-parti ta’ Lyuda.  Din tkun single mother u uffiċċjal tal-Partit Komunista.  Waqt din il-protesta u fil-konfużjoni li tinqala’, bintha li għandha 18-il sena tgħib.  L-omm tkun determinata li ssibha, ħajja jew mejta.  Dak li tara b’għajnejha jibdilha ħajjitha.

Id-direttur joħroġ b’mod ċar, l-inkompetenza, il-paranojja, il-burokrazija u ħabi li kien hemm min-naħa tal-amministraturi politiċi.

Share With: