Il-PM Ingliż Boris Johnson iħabbar il-pjan biex jonqsu r-restrizzjonijiet sal-21 ta’ Ġunju

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson insista li l-pjan tiegħu maqsum f’erba’ stadji biex itaffi l-lockdown fil-pajjiż huwa “t-triq ewlenija għal-libertà.”

L-istrateġija kawta tiegħu tista’ twassal biex ir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Covid-19 jonqsu għalkollox sal-21 ta’ Ġunju li ġej, dment li jiġu segwiti kundizzjonijiet stretti.

Il-Prim Ministru Johnson, li qed jiffaċċja kritika minn uħud mid-deputati tiegħu stess li jemmnu li l-pass għall-bidla miexi bil-mod wisq, qal li l-ħajjiet se jsiru “inkomparabbilment aħjar.” 

Huwa qal li l-pjan tiegħu joffri l-aħjar ċans biex il-pajjiż jevita milli jidħol f’lockdown ieħor. Bħala l-ewwel pass, l-istudenti kollha huma mistenija jirritornaw lura fl-iskejjel mit-8 ta’ Marzu li ġej. Se jkun hemm ukoll aktar tnaqqis fid-29 ta’ Marzu, fejn gruppi sa sitt persuni jew żewġ familji jistgħu jitħallew jinġabru f’parks u ġonna. 

Gyms, ħwienet (li jinkludu wkoll dawk tax-xahar), kif ukoll akkomodazzjoni għal skop ta’ vaganzi jistgħu jerġgħu jinfetħu mit-12 ta’ April. Tista’ titħabbar ukoll reviżjoni tar-restrizzjonijiet internazzjonali fuq l-ivvjaġġar għal skop ta’ diverrtiment. 

Mis-17 ta’ Mejju, żewġ familji jew grupp ta’ sitt persuni jistgħu jiltaqgħu ġewwa pub jew post ieħor ta’ ospitalità bħal pereżempju ristoranti. Is-swali taċ-ċinema, mużewijiet, il-lukandi, il-wirjiet u l-avvenimenti sportivi mistennija wkoll jerġgħu jiftħu, b’massimu ta’ 30 persuna jistgħu jattendu tiġijiet, riċevimenti u funerali. 

Imbagħad l-aħħar pass, mill-21 ta’ Ġunju, se jara li jitneħħew il-limiti legali kollha fuq il-kuntatt soċjali, fejn se jiftħu wkoll setturi oħra tal-ekonomija li jinsabu magħluqa bħalma huma n-nightclubs.

Dan kollu juri li se jkun spazju ta’ madwar ħames ġimgħat bejn kull stadju f’dan il-pjan, biex jippermetti li jkun ivvalutat l-impatt tal-bidliet fuq ir-rati ta’ infezzjonijiet u d-dħul fl-isptarijiet. 

Share With: