Il-WHO temmen li f’Diċembru tal-2019 il-Covid-19 kien mifrux aktar milli maħsub

Investigaturi mill-Għaqda Dinija tas-Saħħa (WHO) komplew bl-investigazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-oriġini tal-pandemija tal-Covid-19. Fl-aħħar skoperta tagħhom irriżulta li f’Diċembru tal-2019 il-virus kien mifrux aktar milli maħsub. Kien għalhekk li t-tim tal-WHO talab l-aċċess għal eluf ta’ testijiet tad-demm fil-belt Ċiniża li s’issa ma tħallewx jeżaminaw.

Il-persuna li qiegħed imexxi dan it-tim ta’ investigaturi, Peter Ben Embarek qal ma’ CNN li fl-aħħar analiżi rriżulta li mhux biss kien hemm firxa qawwija tal-virus sa Diċemrbu tal-2019, iżda saħansitra kien hemm aktar minn 12-il varjant tal-virus jiċċirkolaw fil-belt ta’ Wuhan.

L-investigaturi tkellmu mal-ewwel raġel li hu maħsub li kien l-ewwel persuna konfermat infettat bil-virus. Dan huwa raġel ta’ 40 sena li jaħdem f’uffiċċju u li f’ħajtu qatt ma vjaġġa. Huwa kien konfermat infettat fit-8 ta’ Diċembru tal-2019.

Share With: