Ir-Russja tibda tlaqqam lil persuni bla saqaf fuq rashom kontra l-Covid-19

Erbgħin persuna bla saqaf fuq rashom f’Saint Petersburg ilbieraħ tlaqqmu kontra l-Covid-19 f’inizjattiva karitattiva li rċeviet l-appoġġ ta’ uffiċjali lokali.

L-40 persuna li ħadu d-doża tal-vaċċin attwalment qed jingħataw post fejn jorqdu mill-organizzazzjoni tal-karità Nochlezhka.

Skont ċifri uffiċjali, hemm mal-15,000 persuna bla saqaf fuq rashom f’Saint Petersburg, minn popolazzjoni ta’ ħames miljuni.

Madankollu l-NGO Nochlezhka temmen li ċ-ċifra reali hija mill-inqas id-doppju ta’ dak indikat.

NGO oħra diġà nidiet inizjattiva simili għal dawk bla saqaf fuq rashom f’Moska. Ir-Russja rreġistrat l-ewwel vaċċin tagħha kontra l-Covid-19 – Sputnik V – f’Awwissu li għadda.

Share With: