“Irridu niġġieldu dan il-virus bħala poplu wieħed u magħqud”

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden fl-indirizz tiegħu lin-nazzjon hekk kif il-pajjiż qabeż in-nofs miljun vittma minħabba l-Covid-19

Fl-indirizz tiegħu lin-nazzjon mill-White House hekk kif it-Tnejn l-Istati Uniti qabżet il-500,000 mewt kaġun tal-pandemija tal-Covid-19, il-President Joe Biden ħeġġeġ lill-pajjiż biex jingħaqad fil-ġlieda kontra l-virus. 

“Nitlob lill-Amerikani kollha biex jiftakru f’dawk li tlifna u li ħallejna warajna. Imma hekk kif qegħdin infakkru dawn il-vittmi, nitlobkom biex taġixxu, tibqgħu viġilanti u soċjalment imbiegħda, tilbsu l-maskri u tieħdu l-vaċċin,” qal il-President Biden. 

Huwa uża d-diskors tiegħu biex iħeġġeġ lill-Amerikani jegħlbu l-partiġġjaniżmu u jsewgu l-linji gwida dwar is-saħħa pubblika waqt li l-amministrazzjoni tiegħu qed tkompli bil-ħidma biex tqassam il-vaċċn kontra l-Covid-19 u ttemm il-pandemija. 

Minkejja li Biden kien ikkritikat minħabba li kien “kawt wisq” fil-miri relatati mad-distribuzzjoni tal-vaċċin, l-amministrazzjoni tiegħu issa qalet li żiedet ir-rati ta’ tilqim għal 1.7 miljun kuljum, u tinsab fit-triq it-tajba biex taqbeż il-mira tagħha li tagħti 100 miljun doża fl-ewwel 100 jum tagħha.

Id-diskors tal-President Biden madanakollu ma ffokax biss fuq in-numri. Minflok, huwa iffoka fuq it-telf ta’ ħajjiet li l-Amerikani ħassew minħabba l-pandemija u t-tema tal-għaqda – xi ħaġa li għamel enfasi fuqha matul il-kampanja tiegħu. 

“Irridu nwaqqfu l-poltika ta’ informazzjoni ħażina li qasmet il-familji, komunitajiet u anke l-pajjiż. Dik waħedha diġà swiet wisq ħajjiet,” qal Biden fid-diskors tiegħu. “Irrispettivament humiex Demokratiċi jew Repubblikani li qed imutu mill-virus. Huma l-Amerikani sħabna. Huma l-ġirien tagħna, ommijietna, missirijietna u uliedna. Irridu niġġieldu dan il-virus bħala poplu wieħed, bħala l-Istati Uniti tal-Amerika. Dan hu l-uniku mod li bih nistgħu nerbħu lil dan il-virus.”

Share With: