KIF NIRRESTAWRAW?

Miktub minn ALFRED SANT

Wara li tkun intemmet għal kollox il-Covid-19, sfida kbira se tkun kif nerġgħu nirristawraw il-konnettività – ir-rabtiet personali u familjari, ekonomiċi, soċjali u kulturali li kienu jeżistu qabel fuq bażi ta’ persuni li jiltaqgħu ma’ xulxin wiċċ imb’wiċċ. Problema ta’ Malta, problema tal-Ewropa, problema kullimkien.

Mhux ir-rabtiet kollha se jkunu jistgħu jerġgħu jinġabu lura għal li kienu qabel. Barra mill-imwiet li seħħew, hemm ukoll l-impossibiltà li ċerti relazzjonijiet personali jinġabu lura għal li kienu qabel il-firda ta’ bejn il-persuni. Hemm l-iskambji ekonomiċi u soċjali li nixfu fuq iz-zokk. Hemm l-istrateġiji differenti ta’ ħidma li jkunu nstabu fil-frattemp, jew li ngħalqu għal kollox. 

Materjalment, hemm l-isforz diffiċli li jrid isir biex jerġgħu jitilqu l-arranġamenti loġistiċi li bihom prodotti u persuni kienu jitwasslu minn post għall-ieħor. Għalina f’Malta l-aqwa sfida f’das-sens hi kif ir-rabtiet bl-ajru li rawwimna tul is-snin se jerġgħu jingħataw il-ħajja malajr malajr. 

L-GĦAŻLIET 

Fil-proġetti li kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jrid jippreżenta biex jista’ juża l-fondi li jmissuh fil-qafas tal-ħidma Ewropea ħalli ntellqu l-irkupru għall-kriżi ekonomika li ġabet il-pandemija, iridu jinżammu ċerti kriterji. L-aqwa tnejn jirrigwardaw l-għan li tingħata priorità lil proġetti li jsostnu l-impenn tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma ambjentali biex titwaqqaf il-bidla fil-klima u fl-inkoraġġiment tal-mezzi diġitali.

Jista’ jkun li moħbija f’dan kollu, tinsab għażla ħafna aktar fondamentali. Il-proġetti li jridu jitħejjew huma ta’ investiment – jiġifieri maħsuba biex iħallu impatt tat-tul.

Allura l-għażliet tagħhom fuq min għandhom jippernjaw?  Fuq proposti ta’ infrastruttura materjali – magni, cables, mini… ? Jew fuq proposti dwar nies – studenti, taħriġ lill-għalliema, eżerċizzji biex metodi ta’ xogħol jitjiebu…?

Mhumiex għażliet faċli.

MIDJA SOĊJALI U L-PRIVATEZZA

Għadni niskanta kemm malajr aħna lkoll… il-popli kollha tista’ tgħid… konna lesti li nabbandunaw regoli ta’ privatezza li sa ftit taż-żmien ilu konna nieħdu bħala naturali.

Qabel, dak li persuna tkun qed tagħmel f’ħin jew ieħor tal-ġurnata kien ikun affariha u dan kien jitqies bħala naturali. Illum biljuni ta’ nies iħabbru l-ħin kollu fejn jinsabu u bhiex huma okkupati. Kummenti privati li qabel kienu jintqalu wiċċ’imb wiċċ lil ftit ħbieb, issa jixxandru mad-“dinja kollha”.  Donnha ċċartet kull linja bejn il-privat u l-publiku.

Ma rridx, u m’inix, niġġudika jekk dan hux tajjeb jew ħażin. Imma lanqas nistagħġeb li malajr tisħon il-qigħa soċjali meta kummenti dispreġjattivi ta’ mument li sa ftit snin ilu, kienu jitperrċu biss bla wisq ħsieb fil-privat, issa jixxandru bl-addoċċ għal kull min irid jismagħhom jew jarahom.

Share With: