KIRJIET

Miktub minn ALFRED SANT

Qed jiżdied l-inkwiet fost koppji anzjani li jgħixu f’post mikri. Qed jibżgħu li f’daqqa se jkollhomn iħallsu aktar kera wara snin twal li draw iħallsu ċertu ammont u bnew il-finanzi ta’ ħajjithom skont dan l-ammont. Tifhimhom u għandhom raġun.

Daqstant ieħor għandhom raġun għadd sostanzjali mill-propjetarji li ilhom  jieħdu dħul baxx jew deriżorju minn fuq binjiet li jipposjedu. Mhux kollha huma sinjuruni u kapitalisti.

Mhijiex ħaġa faċli ssolvi dil-problema jekk biex tinħall, se jinżamm l-għan li ma jinħolqux inġustizzji ġodda biex jiżdiedu mbagħad ma dawk li nġemgħu matul is-snin.

It-taħbila hi waħda li anke Salamun x’aktarx, kien jara kif jiskarta. Hemm bżonn programm ta’ numru ta’ snin, imwieżen b’għajnuniet tal-istat, biex il-kirjiet isiru aktar raġonevoli skont il-prezzijiet tas-suq, u biex il-familji li jinsabu b’kirja ma jħossuhomx ittraduti waqt li l-istat jibqa’ jassigura li ħadd ma jintrema.

IL-KNISJA U L-ABBUŻI

Il-Knisja Kattolika f’Malta – mitqiesa għal ħafna snin bħala waħda retrograda, aktar moħħha fil-prerogattivi u l-preferenzi li kienet tgawdi, milli fid-dmirjiet soċjali li messha ġarret, fl-aħħar qed turi tassew li nbidlet. Mhux f’kollox… imma f’ħafna oqsma fejn is-sehem tagħha hu sinjifikattiv. 

Fil-każi li qamu dan l-aħħar dwar abbużi sesswali fuq minorenni minn kjeriċi u qassisin, intwera li l-Knisja mxiet bla biża’ jew titubanzi ħalli l-atti kriminali mwettqa jgħaddu għal taħt il-ġurisdizzjoni ċivili. Veru li kien hemm każi li ġew barra miż-żmien li fih setgħet tittieħed azzjoni dwarhom. Imma jidher li l-Knisja għamlet dak li kellha tagħmel malli tressqu l-fatti quddiemha.

Talanqas hekk fhimt jien. Hu xinhu, il-bidla hi kbira minn kif kienu jsiru l-affarijiet mhux daqstant ilu.

IL-LUSSEMBURGU

Ġurnali Ewropej, fosthom “Le Monde”, ippubblikaw investigazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji li jeżistu fil-Lussemburgu. Żvelaw kemm kumpaniji jpoġġu fil-Lussemburgu mingħajr ma jagħmlu l-ebda ħidma hemm – sempliċement biex jevitaw li jħallsu t-taxxa fil-pajjiżi fejn jagħmlu l-profitti.

Ilna nisimgħuha din l-istorja dwar Malta… Il-Lussemburgu jidher li rnexxa ħafna aktar fit-triq li qed niġu akkużati, aħna, li dħalna fiha. 

Il-qigħa kontra pajjiżi bħal tagħna u bħal-Lussemburgu li skont ma jintqal, ikabbru l-ekonomiji tagħhom billi jgħinu lill-għonja u kumpaniji kbar jevitaw milli jħallsu t-taxxi ilha tisħon u se tkompli tagħmel hekk. 

Bqajt ma nistax nifhem kif pajjiżi hekk, ma jagħmlu l-ebda sforz biex ifehmu li jista’ jkun hemm raġunijiet tekniċi validi, lil hinn minn skopijiet ta’ ħlas ta’ taxxa, biex kumpaniji li joperaw f’għadd kbir ta’ pajjiżi, jiċċentraw it-tmexxija finanzjarja tagħhom f’pajjiż li ma jintaxxahomx.

Share With: