L-Ambaxxatur Taljan għar-Repubblika Demokratika tal-Congo jinqatel f’attakk brutali

L-Ambaxxatur Taljan għar-Repubblika Demokratika tal-Congo, Luca Attanasio u żewġ persuni oħrajn, inqatlu aktar kmieni llum f’attakk li twettaq fuq konvoj tan-Nazzjonijiet Uniti.

Stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Italja kienet tgħid li l-ambaxxatur ta’ 43 sena, uffiċjal tal-pulizija Taljan li kien qed iservi bħala uffiċjal tas-sigurtà, u persuna oħra, inqatlu f’Goma waqt attentat ta’ ħtif.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters ikkwotat sors mill-Park Nazzjonali ta’ Virunga li l-konvoj kien attakkat minn persuni mhux identifikati viċin il-belt ta’ Kanyamahoro, li tinsab ftit mili fit-Tramuntana tal-kapitali Goma.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan, Luigi di Maio, li kien fi Brussell għal laqgħa, qal li “ċ-ċirkostanzi tal-attakk brutali għadhom mhux magħrufin u se nkunu qed nagħmlu dak kollu possibbli biex niskopru x’seħħ”.

Share With: