L-Iran se jwaqqaf spezzjonijiet nukleari li jsiru għall-għarrieda

Il-kap tal-gwardjan nukleari tan-Nazzjonijiet Uniti (IAEA) qal li l-Iran qabel li jestendi l-aċċess għall-ispetturi tan-Nazzjonijiet Uniti fis-siti nukleari fil-pajjiż bi tliet xhur.

Madankollu l-ftehim maqbul se jkun qed jagħti inqas aċċess għall-uffiċjali tal-IAEA u se jkun qed itemm id-dritt tagħhom għal spezzjonijiet għall-għarrieda.

L-Iran qed ibiddel l-politika ta’ aċċess minn għada minħabba li l-Istati Uniti ma neħħietx is-sanzjonijiet imposti fil-konfront tiegħu mindu Donald Trump kien abbanduna l-ftehim nukleari tal-2015.

Washington u Tehran issa għandhom aktar ħin għad-dispożizzjoni tagħhom biex jilħqu kompromess.

Fl-2015 l-amministrazzjoni ta’ Trump kienet daħħlet fis-seħħ sanzjonijiet ħorox fil-konfront tal-Iran, u Tehran kien irritalja billi kompla l-attività nukleari tiegħu, li kienet ipprojbita taħt il-ftehim li kien ġie fis-seħħ ma’ sitt potenzi dinjin.

L-Iran qal li mhux se jkun qed ireġġa’ lura l-miżuri sakemm l-Istati Uniti ma tkunx konformi mal-ftehim nukleari tal-2015. Madankollu l-President Amerikan Joe Biden qal li huwa l-Iran li għandu l-ewwel jiġi konformi ma’ dan il-ftehim.

Il-kriżi dwar il-programm nukleari tal-Iran ilha fuq l-aġenda internazzjonali għal dawn l-aħħar 20 sena. Filwaqt li l-Iran jisħaq li l-programm atomiku huwa għal għanijiet paċifiċi, l-Istati Uniti flimkiem ma’ qawwiet dinjin oħrajn jissuspettaw li l-Iran qed tipprova tibni b’mod sigriet armi nukleari.

Share With: