L-Istati Uniti toqrob lejn in-nofs miljun mewt kawża tal-Covid-19

L-Istati Uniti qiegħda toqrob lejn iċ-ċifra kerha ta’ nofs miljun mewt kawża tal-virus Covid-19 u dan minkejja li f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm tnaqqis fin-numru ġenerali ta’ infezzjonijiet madwar il-pajjiż. Fid-dwal ta’ dan, il-President Joe Biden mistenni li jkun qiegħed ifakkar lil dawn il-vittmi. 

Filwaqt li n-numru ta’ infezzjonijiet naqas għall-ħames ġimgħa konsekuttiva u qiegħda ssir ħidma intensiva biex jitlaqqmu iktar nies, din il-ġimgħa mistennija li tintlaħaq iċ-ċifra ta’ 500,000 mewt kawża ta’ dan il-virus qerriedi. Il-virus ilu kważi sena li daħal ġewwa l-Istati Uniti u minn dakinhar ’il hawn il-pajjiż kellu jiffaċċja għadd ta’ problemi kawża tiegħu. Dan il-virus wassal għal pressjoni kbira fuq is-sistema tas-saħħa kif ukoll kellu effett devastanti fuq l-ekonomija.

Dr Anthony Fauci, li huwa l-konsulent tal-White House għall-Covid-19 kif ukoll l-ogħla uffiċjal tal-prevenzjoni tal-mard infettiv ġewwa l-Istati Uniti qal li, “din hija xi ħaġa li ilna ma naraw għal dawn l-aħħar 102 snin, mill-pandemija tal-influwenza tal-1918… din hija sitwazzjoni terribbli li għaddejna minnha – u għadna għaddejjin minnha.” 

Share With: