Malta t-tieni l-inqas fl-UE b’rapporti dwar vjolenza

Stħarriġ li sar minn aġenzija tal-UE turi li fl-aħħar ħames snin Malta kellha t-tieni l-inqas rata ta’ rapporti dwar vjolenza fiżika meta mqabbla mal-bqija tal-istati membri.

L-istħarriġ sar mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fost 34,948 persuna li kienu jvarjaw minn madwar 1,000 parteċipant mill-pajjiżi inġenerali għal 3,000 minn Franza u l-Ġermanja.

F’dan l-istħarriġ ġew analizzati r-rapporti li saru fl-aħħar ħames snin u anke fl-aħħar 12-il xahar b’dak ta’ Malta juri li kellha 3% rapporti ta’ vjolenza domestika fl-aħħar ħames snin u 1% matul l-aħħar sena.

Il-medja fl-UE kienet ta’ 9% fl-aħħar ħames snin u 6% fl-aħħar sena fejn kienet tvarja minn 3% u 2% rispettivament fl-Italja, il-pajjiż bl-inqas rapporti, u 18% u 10% fl-Estonja li irreġistrat l-ikbar ċifri.

Anke fir-rigward ta’ rapporti dwar serq Malta kellha t-tieni l-inqas rata bi 3% fl-aħħar ħames snin u 1% fl-aħħar sena meta l-medja fl-UE kienet ta’ 8% fl-aħħar ħames snin u 3% fl-aħħar sena.

Kien il-Portugall biss li kellu rati inqas minn ta’ Malta bi 2% fl-aħħar ħames snin u 1% fl-aħħar sena mentri d-Danimarka kellha l-ogħla rata b’14% u 3% rispettivament.

Dwar frodi onlajn, fosthom ‘online banking’ u ħlas bi ‘credit cards’, ir-rapport juri li f’Malta kien hawn 4% rapporti fl-aħħar ħames snin u 2% fl-aħħar sena.

L-istħarriġ sab ukoll li fejn jidħol frodi tal-konsumatur Malta irreġistrat 17% fl-aħħar ħames snin u 12% fl-aħħar sena biex kellha s-seba’ l-inqas rata fl-UE fejn il-medja kienet ta’ 26% u 16% rispettivament.

Bil-medja fl-UE tkun ta’ 8% u 3% rispettivament, Malta kellha t-13 l-ogħla numru ta’ rapporti f’dan it-tip ta’ serq.

Share With: