MUMN

Minn Benny Borg Bonello

Riċentament l-MUMN, skont il-ġurnali, ħarġet direttiva lill-membri tagħha kontra l-immigranti irregolari.  Qbajt skantat għaliex hawn qed nitkellmu fuq is-saħħa tan-nies.  U l-immigranti irregolari huma nies ukoll u għalhekk għandhom jiġu stmati daqs kull pazjent ieħor. 

Jien wieħed minn dawk li nemmen li filwaqt Ii Malta m’għandhiex iġġorr il-piż tal-immigranti irregolari waħedha, l-istituzzjonijiet u l-poplu għandu obbligu li jistma lil dawn l-immigranti bħal kull bniedem ieħor u jara li d-drittijiet tal-bniedem ikunu mħarsa ma’ kulħadd – għaliex kulħadd, inkluż l-immigranti irregolari, hu bniedem daqs l-oħrajn. 

AstraZeneca

Il-vaċċin tal-corona virus hu importanti biex id-dinja toħroġ minn din il-pandemija.  Riċentament inqalgħet kwistjoni bejn l-UE u AstraZeneca għaliex wara li l-UE kienet għamlet kuntratt biex tixtri l-vaċċin mingħand din il-kumpanija, din tal-aħħar infurmatha li mhux ser tkun tista’ tlesti l-ammont ta’ vaċċini imwiegħed fil-kuntratt.  Dan kien xokk kbir għall-UE speċjalment meta l-pajjiżi tal-UE kienu qed jibbażaw il-pjani tagħhom fuq l-ammont li din il-kumpanija flimkien ma’ oħrajn kienu ser jipprovdu skont il-kuntratt.  Fortunatament, Malta ma jidhirx li ser tintlaqat.

Dan ix-xokk kellu żewġt ixfafar – waħda fuq l-ammont ta’ vaċċin li ser ikun hemm biex jintuża u t-tieni xafra kienet kif l-UE ma kinitx kapaċi li tagħmel kuntratt li jorbot.

It-tieni xafra ħarġet meta l-kumpanija AstraZenca qalet li skont il-kuntratt hi kienet ser tagħmel ħilitha biex tipprovdi l-ammont skont il-kuntratt.  Barra dan, ħafna, inkluż jien, qbajt skantat kif l-UE ma ħaditx passi mal-ewwel kontra l-kumpanija meta din mhix ser iżżomm mal-kuntratt.

Qed nikteb hekk għaliex jekk l-UE mhux kapaċi tipproteġi kuntratt tagħha stess, kemm hi kapaċi li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi?

Il-konsumaturi

Din il-ġrajja tfakkarni f’ħafna lmenti li kienu waslu l-Għaqda tal-Konsumaturi lejn l-aħħar tas-sena.  Ħafna minn dawn kienu dwar oġġetti li kienu xtraw, kważi kollha għamara, u li suppost kellhom jagħtuhomlom sa qabel il-Milied skont il-kuntratt.

Meta dawn ma waslux u l-konsumaturi pprotestaw man-negozjant, ir-risposta kienet li skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt, in-negozjant ma għandu l-ebda responsabbilta’ jekk l-affarijiet ma jaslux għandu minħabba ħaddieħor.  Meta ppruvaw jiġbru d-depożitu lura sabu li, skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt, id-depożitu jintilef jekk il-konsumatur jipprova joħroġ mill-kuntratt.

Dawn il-kundizzjonijiet ma jidhrux ħżiena mad-daqqa t’għajn.  Biss jekk wieħed jara l-istampa kollha, din tinbidel.  L-ewwel ħaġa, il-konsumatur qatt ma ġie infurmat bihom b’dawn Il-kundizzjonijiet qabel ma xtara.  Dawn il-kundizzjonijiet jingħataw lill-konsumatur meta hu jkun diġa’ daħal fil-kuntratt u jkunu mniżżla fuq wara tal-invoice bi kliem żgħir.  Fil-fatt, ħafna konsumaturi lanqas biss ittendew li ngħataw dawn il-kundizzjonijiet.

Fuq kollox, il-konsumatur ikun irid id-depożitu lura biex hu jkun jista’ jixtri l-għamara mingħand xi ħadd li jkun jista’ jagħtihielu meta kellu bżonnha. 

Biss minħabba dawk il-kundizzjonijiet, li personalment inħoss li mhux ġusti għaliex il-konsumatur ma kienx mgħarraf qabel ma ffirma l-kuntratt, il-konsumaturi baqgħu lampa stampa u kellhom iqattgħu l-Milied mingħajr l-għamara li kienu ordnaw.

Din mhix xi ħaġa straordinarja għaliex illum il-konsumaturi anki f’oqsma oħra qed jittendu li daħlu f’xi ħaġa mingħajr kontroll.  Insemmi l-banek.  Is-sena li għaddiet il-banek imponew bank charges ġodda u għoljin.  Każ minnhom kien dwar ic-charges li mpona wieħed mill-banek kbar ta’ Malta.  Fost dawn ic-charges f’Settembru tas-sena l-oħra dan il-bank poġġa charge fuq dormant accounts – accounts li ma jkunux qed jintużaw.  Din ic-charge ma kinitx ta’ xi Euro jew ħames Euro iżda €35 fuq kull account kull sena. Nixtieq inkun naf kemm hemm konsumaturi li qalgħu n-nofs ta’ dan l-ammont minn accounts li mhux fixed.

Għalina dan mhux ġust għaliex safejn nafu aħna, il-konsumaturi la kienu infurmati mill-bank li l-kont tagħhom hu dormant u lanqas li ser jiffaċċjaw charge ta’ €35 kull sena fuq kull account.

Din il-miżura sfortunatament ser tolqot ħafna penzjonanti.  Dan għaliex issib li ħafna penzjonanti jippruvaw iżommu xi account għal xi emerġenza li tista’ tinqalgħalhom u għalhekk ma jużawhx biex iserħu rashom.  Dawn il-konsumaturi ttendew issa, meta rċevew l-istatement tal-kontijiet tagħhom u minflok raw dak li ġemmgħu jiżdied, raw li dak li ġemmgħu qed jisfuma fix-xejn.

Filwaqt li nemmen li, fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija, il-Gvern għandu jkompli jgħin lin-negozji, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet għandhom isiru aktar vigilanti u jqumu mir-raqda li jinsabu fiha u jħarsu wkoll l-interessi tal-konsumaturi. 

Share With: