Politika Taljana
Ikolli nammetti li żviluppi riċenti fil-politika Taljana ħallewni sorpriż għall-aħħar. Fiż-żminijiet li għaddejjin minnhom, l-Italja bħal kull pajjiż ieħor, għandha bżonn gvern stabbli ħalli jkompli jilqa’, tajjeb jew ħażin, għall-effetti tal-pandemija.
Minflok, il-gvern ta’ Conte – li wara kollox bid-difetti kollha tiegħu, kellu appoġġ popolari mhux żgħir – ikkollassa u dan għal raġunijiet li donnhom kienu mxettla minn piki personali. In-negozjati li saru għall-binja ta’ gvern ġdid naħseb li dehru għal ħafna bħala mġebbda biex jingħataw xejra politika serja, meta fil-fatt kienu jippernjaw madwar kalkoli għal kollox personali.
Dik talanqas kienet il-konklużjoni tiegħi.
Jekk hi korretta, tajjeb u ammirevoli bħala persuna kemm hu Draghi – jew jekk jispiċċa jfalli fil-ħidma biex ikun hu li jidħol minflok Conte, u jinstab xi ħaddieħor tajjeb daqsu jew aqwa – se jkun intilef ħafna żmien essenzjali biex l-Italja tirbaħ il-kriżi li tinsab fiha.
Ħasra kbira għaċ-ċittadini Taljani, imma wkoll għall-Ewropej kollha – mhux lanqas il-Maltin.
***
Liġijiet tal-bini
Jidher ċar li kif inhuma miktuba u jitħaddmu l-liġijiet li jirregolaw il-bini fiż-żoni urbani l-interessi taċ-ċittadini li joqgħodu qrib fejn djar qed jitwaqqgħu u oħrajn qed jitilgħu mhumiex imħarsa tajjeb. Apparti milli ftit li xejn għandhom protezzjoni kontra l-inkonvenjenti u agħar, li xogħlijiet hekk jaqilgħu (ħsejjes, trabijiet, toroq magħluqa, dewmien eżaġerat b’xogħlijiet għaddejja…), ikollhom jaffaċċjaw perikli akbar.
Rajna x’ġara għal darba, darbtejn b’inċidenti anke fatali meta t-twaqqigħ ta’ binjiet qodma, skatta l-qerda ta’ bini fil-ġenb fejn joqgħodu n-nies.
Veru li minkejja kull bidla fl-istruttura tal-ekonomija tagħna, l-attività tas-settur tal-kostruzzjoni għadha timmarka kemm u kif tmur tajjeb l-ekonomija in ġenerali.
Imma xorta wasal iż-żmien li ngħidu daqshekk biżżejjed. Il-liġijiet u r-regolamenti jridu jsiru qawwija, effettivi u jpoġġu fuq quddiem nett l-interessi taċ-ċittadin “komuni” u tal-familja tiegħu.
***
Stazzjonijiet tal-partiti
L-iskandlu li juru dawk li jikkritikaw l-istazzjonijiet tar-radju u tat-TV tal-partiti politiċi iħallini biered għall-aħħar. Minn dejjem ma emmintx fl-“imparzjalità” u l-“oġġettività” tal-midja hekk imsejħa “indipendenti” imma qatt ma ħsibt li għandha tiġi regolata jew imwaqqfa, kemm dik stampata, kemm dik trasmessa.
Li membri ta’ dil-midja jħossu li għandhom jiddettaw li l-istazzjonijiet tal-partiti jitneħħew għal kollox f’isem l-“imparzjalità” hi daħqa fil-wiċċ. Għax jekk tapplika l-istess kriterju għalihom ma tantx tasal ’il bogħod.
Fi żmien fejn il-midja soċjali mhux ħlief jippompjaw kull xorta ta’ messaġġi dwar dak, l-ieħor u kollox, il-fissazzjoni kontra l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi, imparzjali jew le, għandha kull xamma ta’ ġiħad immexxi minn nies li għadhom jgħixu fi żmien id-dinosawri.