PROPOSTA KOSTRUTTIVA

Miktub minn Alfred Sant

Il-proposta tal-Prim Ministru Robert Abela biex l-iskejjel jibqgħu miftuħa waqt il-“vaganzi” tal-Karnival u mbagħad il-jiem “mitlufa” jingħataw lura fis-sajf jew f’xi żmien ieħor, kienet waħda interessanti u kostruttiva. 

Għax jekk hemm qbil li f’dal-mument, ikun aħjar jekk in-nies iżżomm lura mill-festi sakemm tgħaddi l-imxija, li l-iskejjel jibqgħu jiffunzjonaw u mhux jingħalqu għall-vaganzi hi proposta li tagħmel sens. Aktar u aktar wara l-kjass li qam dwar kif fi djar privati waqt il-vaganzi, ir-regoli dwar id-distanzi soċjali li jridu jinżammu u dwar prekawzjonijiet oħra kienu qed jitħallew fil-ġenb.

Dnub li jekk fhimt tajjeb, il-unjins tal-għalliema minnufih ħarġu jitkellmu kontra l-idea. Jew ninsabu magħqudin biex is-soċjetà tagħna tilqa’ kif l-aħjar tista’ għaċ-ċirkostanzi koroh li l-pandemija ġabet magħha, jew noqgħodu nfettqu settur kontra l-ieħor. Sa ftit taż-żmien ilu, l-Prim Ministru Abela kien qed jiġi kkritikat li mhuwiex jieħu bis-serjetà biżżejjed l-isfidi tal-pandemiji.

Meta wera li mhux hekk u issa ħareġ bi proposta konkreta, malajr iċ-ċaħda ġiet dikjarata. Fl-aħħar mill-aħħar, unjin mhux qiegħda hemm biex dejjem tgħid le għal kollox.

MIN JITLEF, MIN JIRBAĦ…

Ta’ spiss wisq, id-diskors ekonomiku jirriduċi ruħu f’wieħed dwar il-kompetizzjoni… kemm aħna jew ħaddieħor għadna jew m’għadniex kompetittivi fis-suq… x’irid isir biex nikkompetu aħjar u “nirbħu” fuq il-kompetituri tagħna…

L-ideoloġija tas-suq ħieles… fejn kulħadd jikkompeti kontra kulħadd u min jirbaħ iħawwel… daħlet fil-mentalitajiet, mhux biss tal-ekonomija imma ta’ ħafna setturi oħra, mill-isport sal-kultura sa… nissuspetta… il-prattika reliġjuża.

Argument li jqum u li forsi mhuwiex jingħata attenzjoni biżżejjed hu: Min jispiċċa tellief f’dil-kompetizzjoni dejjem għaddejja, jixraqlu jinħaraq u jitwarrab? Jew il-kompetizzjoni… billi tiskarta lit-“telliefa”… qed ittellifna wkoll mill-kontribut siewi li dawn setgħu taw lill-ekonomija, is-soċjetà u l-bqija?

FIERA TAL-KOTBA

Tassew li l-Fiera tal-Kotba dis-sena… jekk ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 ikunu ntemmu… se jkollha taqsam Dar il-Mediterran maċ-ċirklu?

Għax jekk hu veru, did-darba ċ-chairman tal-Kunsill għandu kull raġun jindanna. Hi ħaġa ovvja li żewġ avvenimenti fl-istess jiem fil-post se joħolqu taħwida sħiħa fid-dehra u fl-impatt tal-Fiera. Lil taċ-ċirklu, dil-biċċa ftit tista’ tinkwetahom. Huma jgħaddu ftit jiem f’Malta… għalihom destinazzjoni miċ-ċkejkna… u jerġgħu jitilqu ’l barra.

Xi ngħidu wkoll għat-tħarbit li t-traffiku għal żewġ avvenimenti flimkien se jikkawża? Wara kollox, problema kbira għaċ-Ċentru tal-Mediterran dejjem kienet u għadha, in-nuqqas ta’ spazju għall-parkeġġ fiż-żona fejn jinsab.

Kollox ma’ kollox, din l-istorja turi kif il-Fiera tal-kotba trid toħroġ minn post fejn hemm problemi ta’ traffiku u titlaq lejn faċilità fejn il-parkeġġ ma jkunx daqstant strett.  

Share With: