RITRATTI: Il-belt affaxxinanti ta’ Alicante

Miktub minn MARIA AZZOPARDI, Ritratti ROGER AZZOPARDI

Alicante tinsab fil-parti tal-lvant ta’ Spanja tul il-kosta tal-Mediterran. Il-belt għandha daqs tal-popolazzjoni ta’ madwar 300,000 ruħ u tinsab bejn 2-4 sigħat sewqan mill-akbar bliet ta’ Spanja, Madrid, Barċellona u Valencia. Alicante għandha żewġ lingwi uffiċjali – l-Ispanjol u l-Valenciano – għalkemm ħafna nies hawnhekk jitkellmu bl-Ispanjol tradizzjonali bħala l-ewwel lingwa tagħhom.

Il-provinċja ta’ Alicante hija destinazzjoni turistika popolari ħafna u fi żmien nofs siegħa mill-kapitali tista’ ssib resorts popolari bħal Benidorm jew Denia. Minbarra l-ħafna bajjiet sbieħ iż-żona hija popolari minħabba l-mikro-klima speċjali tagħha b’temperaturi sbieħ is-sena kollha fejn it-temperatura medja fix-xitwa tkun ta’ madwar 16ºC u matul is-sajf madwar 30ºC.

Hemm bosta fatti interessanti marbuta ma’ Alicante fosthom li r-Rumani semmew lil Alicante bħala “Lucentum” li tfisser “Belt tad-dawl”.  Fatt ieħor interessanti huwa li aktar minn 115,000 tunnellata ta’ ross tiġi prodotta f’Alicante kull sena u bla dubju li l-paella huwa l-aktar platt li jiġi servut hawnhekk. 

Alicante għandha bosta attrazzjonijiet interessanti li għandha tolqot il-gosti ta’ kulħadd, sew jekk inti interessat fil-monument u mużewijiet, sew jekk jinteressawk il-bajjiet jew id-divertiment ta’ filgħaxija. Hemm ukoll park tad-divertiment kbir bl-isem ta’ Tierra Mitica li jinsab biss nofs siegħa ‘l bogħod bil-karozza u madwar siegħa u nofs bil-mezzi pubbliċi.

Postijiet interessanti li tista’ żżur hawnhekk:

  • Kastell ta’ Santa Barbara: Fuq il-quċċata tal-Muntanja Benacantil, f’għoli ta’ 166 metru, hemm waħda mill-akbar fortizzi medjevali fi Spanja. Minn hawnhekk tista’ tara veduta tal-għaġeb tal-belt u l-port. Jekk tħossok tajjeb, il-mixja minn Plaza de Carmen hija attrazzjoni fiha nfisha hekk kif tgħaddi minn xi toroq dojoq u tipiċi. Tista’ wkoll tasal sal-kastell permezz ta’ lift jew bil-karozza iżda jingħad li l-parkeġġ huwa ftit skars. Id-dħul fil-kastell huwa b’xejn.
  • Explanada de Espana: Jekk tasal bix-xarabank fiċ-ċentru tal-belt, hemm ċans tajjeb li l-Explanada de Espana tkun l-ewwel post li tara (wara l-bajja). Din tinsab eżatt biswit il-bajja u l-marina. Din il-promenade hija waħda mill-aktar attrazzjonijiet emblematiċi f’Alicante mżewqa bil-madum tal-mużajk meraviljuż. Mill-10 ta’ filgħodu ‘l quddiem l-Esplanade tilqa’ tunnellati ta’ ħwienet żgħar tipiċi mas-suq, artisti, u mużiċisti u għalhekk huwa post sabiħ fejn tqatta’ ftit ħin.
  • Bażilika Santa Marija: Jekk tagħżel li timxi minn Castell de Santa Barbara sal-belt, hemm ċans tajjeb li tgħaddi minn ħdejn din il-bażilika sabiħa. Il-bażilika hija miftuħa għall-pubbliku iżda biss waqt il-ħinijiet ta’ qima: 10a.m. – 1p.m. & 6p.m. – 7 p.m. kuljum. Dan ifisser li ż-żjara tiegħek għandha tkun ippjanata sew jekk trid tesplora ġewwa. Il-Bażilika nbniet bejn is-sekli 14 u 16 fl-istil Gotiku Valenzjan. 
  • Playa El Postiguet: Żgur u forsi li l-bajjiet fil-belt huma tassew postijiet li ma tistax titlef. Mhux biss huma aċċessibbli ħafna, iżda l-bajjiet f’Alicante huma wħud mill-aqwa bajjiet fi Spanja. Jekk iżżurha fi żminijiet fejn forsi tkun ftit aktar kwieta mit-turisti, ifisser li jista’ jkollhok kważi Playa El Postiguet kollha għalik innifsek. Il-bajja timxi parallela mat-triq ewlenija tal-belt u l-Esplanada de Espana u eżatt ħdejn il-marina. 
  • Il-Belt il-Qadima: Iċ-ċentru storiku ta’ Alicante huwa tassew wieħed mill-aktar postijiet sbieħ fil-belt kollha. Hawnhekk tista’ tara djar ikkuluriti u tassew vibranti u xi murali interessanti.
  • Żur il-Mercado Central: Bħala l-fornitur ewlieni għall-biċċa l-kbira tar-ristoranti lokali u għal ħafna mill-familji, żjara f’Mercado Central de Alicante hija indispensabbli. Is-suq kollu huwa mimli bi prodotti friski u lokali, frott tal-baħar li jkun għadu kif inqabad, laħmijiet differenti, u bosta ikel ieħor li għandek idduq  jekk tixtieq xi ħaġa tipika.

Ikel tipiku u ta’ min iduq

  • Paella: Spanja hija famuża għall-paella tagħha u l-aħjar fosthom huma magħmula bir-ross ta’ kwalità mkabbar fl-inħawi ta’ Costa Blanca u Valencia. Hemm ħafna varjetajiet ta’ dan id-dixx u jista’ jkun fih fażola bajda Valenzjana speċjali, bebbux, fenek, frott tal-baħar jew ħut. 
  • Tapas: Popolari ferm fi Spanja huma dawk imsejħa tapas, li tista’ tiddeskrivihom bħal appetiżers jew porzjon żgħir ta’ ikel. Il-lista’ ta’ dawn hija twila li fosthom tinkludi patatas bravas (patata moqlija mgħottija biz-zalza), frott tal-baħar jew klamari moqlija, spanish omelette (magħmulha bil-bajd u patata u ġieli ftit basal), ħobż iqarmeċ servut b’xi perżut fil-wiċċ, żebbuġ, ġobon… u l-lista tkompli. Żgur li dawn jinżlu għasel akkumpanjati flimkien ma’ birra kiesħa jew sangria.
  • Turron: It-Turron huwa tip ta’ qubbajt li kien maħsub li kien ivvintat f’Ġijona. Ġijona issa hija famuża mad-dinja kollha għall-qubbajt artab tagħha li jiġi f’varjetà ta’ togħmiet inklużi ġewż, frott imnixxef u ċikkulata. Il-qubbajt ta’ Alicante huwa iktar iebes. Huwa magħmul bil-lewż u l-għasel. Tradizzjonalment jittiekel fil-Milied imma jista’ jintuża wkoll biex isir ġelat delizjuż. 
  • Arroz a banda: Platt ieħor fin magħmul mir-ross mill-Costa Blanca. Huwa msajjar fi stokk tal-ħut bi ftit ħut, bżar u tewm. Is-sigriet jinsab fl-istokk u l-kwalità tar-ross. Ħafna nies jippreferu dan għall-paella u tista’ tibda dibattitu interessanti dwar liema huwa l-aħjar.
  • Bunuelo: Dawn huma bażikament blalen tal-għaġina moqlija bħal doughnuts jew fritters. Jistgħu jkunu ħelwin jew imħawrin. Fil-Costa Blanca, huma tradizzjonalment ħelwin u miksija biz-zokkor. Jekk tassew tħobb il-ħelu u ċ-ċikkulata tista’ tfettet dawn fiċ-ċikkulata sħuna qabel ma jittieklu.

Share With: