RITRATTI: Il-kulur aħmar f’Jum San Valentinu… Simbolu tal-ward, sess u mħabba

Miktub minn Anthea Cachia, Ritratti: Roger Azzopardi

Jum San Valentinu jinsab wara l-kantuniera u t-tiżjin ħelu marbut ma’ dan il-festin ma jonqosx. Ħafna jassoċjaw din il-festa mal-kulur aħmar, possibilment minħabba li ħafna jabbinaw dan il-kulur mal-imħabba u l-passjoni. Iżda x’inhu r-raġunament wara dan il-ħsieb?

Il-lussu miksi bl-aħmar

Il-kulur aħmar għal diversi snin ġie meqjus bħala l-kulur tal-lussu. Jista’ jagħti l-każ li ħafna nies jinterpetawh hekk minħabba l-istorja li hemm wara dan il-kulur. Sa 400 sena ilu, ġewwa Franza, il-kulur aħmar kien jirrapreżenta l-poter u l-awtorità. Dan skont Joan DeJean, esperta tal-istorja, li saħqet li, “l-aħmar dejjem  kien assoċjat ma’ palazzi, ma’ Versailles.”

Tgħid li r-Re Louis XIV magħruf ukoll bħala le Roi Soleil, jiġifieri ir-Re tax-xemx, kien jitrasforma kull ħaġa li tiġi taħt idejh fil-kulur aħmar. Dak il-perjodu l-irġiel kienu jilbsu żraben bit-tkaken u r-Re kien wieħed minnhom. Permezz t’hekk kull persuna li kellha l-poter jew deskritti aħjar bħala “snobs” kienu jiżbħu ż-żraben tagħhom ħomor. Għalihom, l-aħmar kien xi ħaġa li tiddistingwihom minn nies ordinarji u li juru l-finanzji tagħhom. 

F’kulturi partikolari madwar id-dinja, l-aħmar tant kien importanti u li jissimbolizza awtorità li f’ċertu pajjiżi, nies ‘ordinarji’ kienu projbiti milli jilbsu ħwejjeġ imżewqin bl-aħmar. Fl-Italja u l-Ġappun, meta wieħed kien jara lil xi ħadd liebes l-aħmar, ħafna drabi n-nies kienu jindunaw li kellu status ogħli. 

Minn fejn ġie l-kulur aħmar?

Fis-seklu 17, fi Franza, materjali ta’ lewn aħmar kellhom valur prezzjuż għaliex dak iż-żmien iż-żebgħa kienet issir minn insett kbir li kien jinsab f’kaktus li wieħed seta’ jsib biss fil-Messiku, magħruf bħala koċineal (chocineal). Dak iż-żmien din iż-żebgħa kienet waħda mill-aktar materjali prestiġjużi fis-suq u kienet waħda mill-aktar affarijiet li kienet tmexxi l-kummerċ, tant li għan-negozjanti ta’ dik l-epoka, dan kien qisu deheb. 

Meta l-Ispanjoli ħakmu l-Messiku fis-snin 1500, il-koċineal kien wieħed mill-aktar prodott li jiġi esportat meqjus bħala vitali għall-Ewropea. L-importaturi kienu għadhom ma jafux jekk dan is-sors kienx mineral, insett jew xi tip ta’ frott (berry). Id-domanda għal dan l-insett naqas hekk kif fl-1800 inħolqot iż-żebgħa sintetika. 

L-aħmar fir-reliġjon: dnub jew divinità?

Fid-dinja Kattolika, l-aħmar għandu żewġ sinifikati. Għal ħafna, il-kulur aħmar ifakkarhom fix-xitan. Iżda, l-aħmar kien jintuża f’ħafna pitturi assoċjati mad-divinità, iż-żmien medjevali u l-perjodu tar-rinaxximent. Uħud mill-pitturi jidhru fihom Ġesù u l-Madonna, libsin libsa (robe) ħamra. 

Minn naħa l-oħra, nisa Indjani li se jkunu se jiżżewġu jilbsu sari, drapp aħmar li simbolikament tfisser il-vjaġġ għall-adulta, li tingħata minn ġenerazzjoni għal oħra. L-aħmar għadu kulur popolari ħafna għall-għarajjes bħala kulur ideali għall-ilbiesi tat-tieġ b’mod partikolari, fiċ-Ċina. 

Il-mitoloġija Griega

Meqjusa bħala l-ewwel konnessjoni bejn il-kulur aħmar u l-imħabba, hija leġġenda fil-mitoloġija Griega. Skont din il-leġġenda, il-ward aħmar bdew jikbru permezz tad-demm ta’ Adonis, l-Alla tal-isbuħija, fertilità u l-maħbub ta’ Afrodite, li kienet, l-Alla tal-imħabba u s-sesswalità u sbuħija. Jingħad li l-ward kienu ddedikati lil Afrodite u minn dakinhar s’issa, l-aħmar baqa’ assoċjat mal-imħabba. 

X’għandu x’jaqsam ir-roża?

Il-kulur roża daħal fl-ekwazzjoni żmien wara. Madanakollu r-roża huwa derivattiv tal-aħmar; il-passjoni imħallat mal-abjad; l-innoċenza u l-purità. B’hekk esperti jgħidu li r-roża jirrappreżenta imħabba ġentili. 

L-aħmar jiġbed l-għajn 

Studju li sar miċ-ċentru għall-Psikologi fl-Università Central China Normal, f’Wuhan, staqsa 280 student 32 ritratt ta’ persuni tas-sess oppost tagħhom u staqsewhom jagħtu n-numru, skont kemm jarawhom attraenti. Dawn l-istudenti għażlu ritratti ta’ persuni libsin il-blu, l-abjad jew l-aħmar. 

Studenti maskili ħasbu li nisa femminili libsin l-aħmar kienu aktar attraenti u ikklassifikawhom aktar bħala persuni kompetenti u amikevoli. Dr Fangand Wen qalet li mill-istudju jidher li dawk li għażlu li jilbsu l-aħmar bdew jirriflettu l-intenzjonijiet sesswali tagħhom mill-bidu. 

Minn naħa loħra xjentisti mill-Università ta’ Columbia fil-Canada, fl-2013, sabu li nisa jilbsu l-aħmar jew roża l-aktar meta jkunu fertili, fil-perjodu tal-ovulazzjoni u li inkonxjament ikunu qegħdin jippruvaw jattiraw raġel. Dan l-istudju sar permezz ta’ stħarriġ fuq 124 persuna, fejn dawn staqsew in-nisa x’kulur tal-ħwejjeġ libsin u kemm għaddew ġranet minn meta kellhom l-aħħar ċiklu menstrwali. Sabu ukoll li, in-nisa huma f’aktar ċans li joħorġu tqal jekk jilbsu l-aħmar jew ir-roża.  Dan għaliex, nisa li kienu libsin aħmar u roża kienu tliet darbiet aktar f’ċans li kienu fil-quċċata tal-fertilità tagħhom.

L-istess studju sab li meta l-irġiel jilbsu l-kulur aħmar ta’ spiss jaħsbu li jkunu aggressivi. Istintivament, dan is-seħħ għaliex meta annimali jew bnedmin jiħmarilhom wiċċhom din tista’ tkun sinjal ta’ rabja. 

Minn stħarriġ tas-sit OkCupid sit għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu relazzjoni, sabu li nisa li kellhom ritratt tal-profil tagħhom lebsin il-kulur aħmar ġew ikkuntattjati aktar mill-irġiel. 

Share With: