“Stat mhux attrezzat għal dawn it-temperaturi wassal għal staġnar”

“Ftakart fil-ġenerożità tal-Maltin fejn min m’għandux jgħix ma’ min għandu”

Minn Brian Gatt

Fl-aħħar jiem dan is-sit ippubblika dettalji dwar dak li għaddej f’Texas, minn inċidenti fatali, qtugħ fil-provvista tad-dawl u l-elettriku u nuqqas ta’ ikel fuq l-ixkaffar minħabba toroq staġnati kawża tal-istess maltemp.

Dan is-sit tkellem ma’ Vincenzo Agius, żagħżugħ li jinsab f’Austin f’Texas fuq esperjenza ta’ xogħol u tlabnih jgħidilna ftit dwar is-sitwazzjoni bħalissa u dak li għaddew minnu f’dawn l-aħħar jiem.

Agius spjega li fl-opinjoni tiegħu l-akbar problema kienet li d-djar ma kinux mibnija bi preparazzjoni għal sitwazzjoni simili. 

“Irċevejna email biex ngħallu l-ilma minħabba li dan kien ġie kkontaminat, iżda fortunatament aħna qegħdin f’żona li ġiet affettwata mill-anqas”, kompla Agius. Minkejja dan, kawża tal-borra li niżlet, hu u sħabu kellhom jagħmlu ġimgħa magħluqin fir-residenza li kienu qegħdin jgħixu fiha minħabba diffikultà biex persuna tivjaġġa.

Rigward xkaffar vojt, Agius qalilna li dan kien riżultat ta’ nuqqas ta’ ppjanar fejn l-awtoritajiet lanqas kellhom il-makkinarju li jintuża biex titneħħa l-borra mit-toroq u b’hekk ħafna minnhom spiċċaw bi trakkijiet tal-merkanzija mwaħħlin f’nofs il-vjaġġ tagħhom.

Dwar l-ikel qalilna li b’xorti tajba huma kellhom maħsub għal ġimgħa sħiħa, iżda meta fl-aħħar sigħat ħarġu biex jaraw is-sitwazzjoni f’Supermarkets kbar magħrufin, raw baħħ totali għajr ikel preżervattiv li jasal f’konsenji akbar u li x’aktarx kien għadu hemm minn qabel il-maltempata.

Fl-aħħar sigħat jidher li t-temperaturi bdew jirritornaw għan-normal, b’numru ta’ konsenji bażiċi bħalma huma l-ħxejjex bdew jaslu.

Iż-żagħżugħ Rabti qalilna li f’din is-sitwazzjoni ftakar fil-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi. Dan hekk kif f’din is-sitwazzjoni li ġiet ħabta u sabta fuq ir-residenti, dawk l-anqas milqutin bdew jaraw kif jgħinu lil dawk l-aktar affettwati. Fl-aħħar jiem kellek ristoranti li bdew iqassmu l-ikel bla ħlas b’kalkolu ta’ madwar 300 persuna jingħataw din l-għajnuna kuljum mingħand kull ristorant. Oħrajn kienu ta’ għajnuna permezz ta’ tqassim ta’ ilma nadif. Hawnhekk, iż-żagħżugħ Malti qalilna li din kienet inizjattiva kruċjali li saħansitra huma stess kienu se jiġu bżonnha u li għenet ħafna nies.Wieħed seta’ jinnota wkoll persuni ta’ ċertu stratifikazzjoni li dehru ħerġin b’basktijiet kbar tal-ikel u aktar tard tarahom iqassmu dan l-istess ikel ma persuni oħrajn. Inħolqu wkoll postijiet apposta biex dawk li m’għandhomx rifuġju jinġabru hemm għall-kenn.

Vehicles driving on snow-covered Interstate 10 Monday, Feb. 15, 2021, in Houston. A winter storm making its way from the southern Plains to the Northeast is affecting air travel. (Yi-Chin Lee/Houston Chronicle via AP)

Intant fl-aħħar sigħat il-President Amerikan Joe Biden iddikjara stat ta’ diżastru maġġuri f’Texas u wiegħed li se jkun qiegħed jgħin b’fondi biex jgħin lil dan l-istat jerġa’ jsib saqajh.

Il-provvista tal-elettriku qiegħda tirritorna lura għan-normal u t-temperaturi mistennijin jerġgħu jisħnu fil-jiem li ġejjin, iżda s’issa mal-14-il miljun persuna għadhom qegħdin isibu diffikultà biex jaċċessaw ilma nadif.

Biden min-naħa tiegħu wiegħed li jekk iż-żjara tiegħu ma xxekkilx il-ħidma li tinsab għaddejja fiż-żona, se jkun qiegħed iżur dan l-istat fis-sigħat li ġejjin.

S’issa hu stmat li mietu mas-60 persuna kawża ta’ dan il-maltemp li ħasad lil dan l-istat.

Share With: