Tlestija tal-villaġġ tas-snajja’ f’Ta’ Qali

Fl-isfond tal-fatt li xi wħud mill-artiġjani waqgħu lura fix-xogħol tagħhom, il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija, permezz ta’ INDIS Malta, ra li jintervjeni biex jgħinhom sabiex il-Villaġġ Artiġjanali f’Ta’ Qali jkun lest sal-2021.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt li kien qed iżur l-andament tax-xogħol u l-bidla notevoli li saret fil-villaġġ. Il-ministru spjega li filwaqt li x-xogħlijiet fuq il-komponenti ewlenin tal-infrastruttura komuni tlestew u ġew imnedija f’Marzu tal-2019, uħud mill-artiġjani u n-negozji fiż-żona waqgħu lura, u għalhekk il-gvern ħass li għandu jagħti l-għajnuna.

“Kien għalhekk li fil-bidu ta’ Frar, bħala gvern, flimkien ma’ INDIS Malta, ħdimna fuq qafas ta’ ftehim li permezz tiegħu l-kuntratturi se jkunu ingaġġati b’rati stabbiliti minn qabel minn INDIS Malta f’isem l-artigjani, li min-naħa tagħhom se jħallsu lura lil INDIS Malta matul perjodu miftiehem ta’ snin. Permezz tal-appoġġ provdut permezz ta’ dan il-ftehim, il-kostruzzjoni fuq il-bċejjeċ ta’ art kollha li għad fadal li jridu jkunu rinovati biex jikkumplimentaw il-kumplament tal-villaġġ se tibda f’Ġunju li ġej”, spjega l-Ministru Schembri.

Spjega wkoll li dan ix-xogħol se jinqasam f’erba’ żoni li se jinbdew fl-istess ħin minn kuntratturi differenti, u b’hekk jitħaffef il-proċess, b’kull żona bir-responsabbiltà ta’ 10 artiġjani. Kien spjegat li minn 70 artiġjan, 19 minnhom lestew ix-xogħlijiet tagħhom u qed joperaw; tmienja għaddejjin bix-xogħlijet bħalissa; filwaqt li 43 għandhom pendenti, u għal dawn hemm taħlita u operaturi antiki u ġodda li ser joperaw mill-villaġġ għall-ewwel darba. Fl-isfond ta’ dan inħasset il-ħtieġa li tingħata l-għajnuna, u fil-fatt 22 artiġjan diġà kkonfermaw u daħlu fil-ftehim imniedi minn INDIS Malta, filwaqt li l-kumplament għaddejjin bl-aħħar diskussjonijiet.

“Fuq kollox, se naraw li din iż-żona tagħti lura lill-pubbliku, hekk kif fil-pjanijiet hemm inklużi spazji miftuħa biex jitgawdew mill-familji. Ħadna ħsieb li jkun hemm diversi spazji miftuħa madwar dan il-vilaġġ artiġjanali fosthom bandli, parkeġġ, kumditajiet pubbliċi u spazji miftuħa fin-naħa ta’ isfel tal-villaġġ. Iżjed minn hekk, dan il-villaġġ se jkun żona turistika li tiġġenera attività ekonomika”, qal il-Ministru Schembri.

Żied jgħid li għaddej ġmielu x-xogħol marbut mal-aġġudikazzjoni ta’ tenders u proposti sabiex fiż-żona jiġi installat apparat ta’ sigurtà għall-post. Ġew abbozzati l-offerti għall-bini addizzjonali li se jkun ta’ servizz għall-artiġjani kif ukoll iċ-ċentru tal-istart-ups, u l-bini se jibda fit-tieni kwart ta’ din is-sena. L-offerta għall-amministrazzjoni tal-kjosk, l-ipparkjar fuq in-naħa tat-Tramuntana, u ċ-ċentru tal-kura tat-tfal ingħatat ukoll u x-xogħlijiet għandhom jibdew imminenti biex il-kjosk jibda jopera sas-sajf.

Għaddejjin xogħlijiet fuq l-offerta għal sinjali ta’ direzzjoni ġodda kif ukoll fuq il-binja amministrattiva tal-fondazzjoni. Fiż-żona se tinbena attrazzjoni immersiva għall-viżitaturi li se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta, u li għandha tħeġġeġ eluf ta’ nies iżuru r-raħal artiġjanali, u b’hekk tiġġenera attività addizzjonali fiż-żona għall-benefiċċju tal-artiġjani kollha – l-offerta għaliha għadha kif ġiet ġudikata. Għandha tipprovdi wkoll għal xi bċejjeċ ta’ artiġjanat addizzjonali għall-artiġjani bħal spazju miftuħ kbir li jista’ jintuża għal fieri artiġjanali kbar, wirjiet tal-familja, avvenimenti kulturali, u għal dan l-offerta sa tinħareġ sal-bidu tat-tieni trimestru.

Iċ-Chairman ta’ INDIS Malta Jean Pierre Attard qal li x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-proġett għar-riġenerazzjoni tal-villaġġ iffaċċja żewġ sfidi ewlenin, “Waħda kienet in-nuqqas ta’ likwidità li l-artiġjani kellhom minħabba l-pandemija u li għaldaqstant naqqret il-kapital li setgħu jinvestu; filwaqt li l-isfida ewlenija l-oħra kienet id-diffikultà li jsibu bennejja li jispeċjalizzaw fil-ġebla u stil tradizzjonali Malti li setgħu iwettqu x-xogħol fiż-żmien stipulat. Kien għalhekk li bħala INDIS Malta ddeċiedejna li nintervjenu sabiex noffru l-għajnuna tagħna lill-artiġjani permezz ta’ framework agreement li ppubblikajna, u skema ta’ ffinanzjar li qed noffru lill-artiġjani biex ngħinuhom f’dan iż-żmien”.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Crafts Foundation Elton Micallef laqa’ l-għajnuna li qed tingħata mill-gvern permezz ta’ INDIS Malta fil-kostruzzjoni tal-binjiet. “Din l-għajnuna hi ta’ benefiċċju kbir għall-artiġjani, iktar u iktar fil-kuntest tal-pandemija li kellha impatt kbir fuq dan is-settur. Permezz ta’ dan is-sostenn, se nkunu qed nagħmlu pass ieħor importanti lejn it-tlestija tar-riġenerazzjoni tal-villaġġ tal-artiġjanat f’Ta’ Qali, b’mod li jkollu ambjent aktar xieraq għall-artiġjani u fl-istess ħin jattira iktar viżitaturi lejh. Minbarra x-xogħol fuq l-infrastruttura, fix-xhur li ġejjin se nkunu qed nieħdu inizjattivi oħra li se jwittu t-triq għall-qawmien mill-ġdid ta’ dan is-settur.”

Share With: