Trasparenza

Forsi l-aqwa regola fit-tmexxija publika ta’ stat demokratiku hi dik tat-trasparenza – li jkun magħruf filwaqt minn kulħadd kif l-affarijiet qed jiġu deċiżi. U l-għarfien irid isir bis-serjetà, dwar kif u għaliex id-deciżjonijiet jittieħdu.

Jekk hi l-aqwa regola, hi wkoll l-aktar diffiċli biex titwettaq minn min imexxi. Għax demokrazija timplika li hemm min jinsab organizzat ħalli jikkontesta t-tmexxija, anke biex iwaqqaf deċiżjonijiet li se jittieħdu. Aktar ma jkollu informazzjoni tajba dwar xinhu għaddej, aktar jista’ jikkontesta – mhux dejjem b’mod ġenwin.

Għalhekk ta’ spiss… ta’ spiss wisq… min jiddeċiedi jara kif se jeħles mill-obbligu li jkun trasparenti.

Imbagħad iqumu żewġ tipi ta’ kontestazzjoni: waħda kontra d-deċiżjoni li se tittieħed; u l-oħra dwar in-nuqqas ta’ trasparenza, anzi l-ħabi li jkun qed isir fir-rigward tad-deċiżjoni.

Jidhirli li t-tieni attakk jispiċċa ħafna aktar insidjuż mill-ewwel wieħed: jiftaħ front sħiħ fuq akkużi ta’ korruzzjoni, patroċinji okkulti u governanza mbagħbsa.

***

Relazzjonijiet maċ-Ċina

Seduta li nżammet flimkien mill-Parlament Ewropew bejn il-kumitati tiegħu interparlamentari mal-Istati Uniti u maċ-Ċina, ġiet indirizzata mill-eks Prim Ministru Awstraljan Kevin Rudd, espert fuq iċ-Ċina. Kif wieħed kien jistenna, hu ta preżentazzjoni eċċellenti li ffokat fuq xinhuma l-għanijiet tat-tmexxija preżenti Ċiniża issa li l-pajjiż qiegħed jersaq eqreb lejn parità ekonomika fuq bażi globali mal-Istati Uniti.

Xejn ma stagħġibt bl-analiżi ta’ Rudd. Jien stess ftit ilu fil-plenarja aċċennajt għat-tellieqa li ġejja bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina dwar min se jkun l-“aqwa” Superpotenza tad-dinja.

Li stagħġibt u tħassibt hu kif fl-iskambji li saru wara ma’ Rudd, donnu li kien hemm fehma soda: x’aktarx li sa ftit deċennji oħra, dit-tellieqa – fuq pretest jew ieħor – se twassal għal kalkoli ta’ gwerra bejn l-Istati Uniti bl-alleati tagħhom u ċ-Ċina b’tagħha.

***

Ritratti tal-familja

Hemm gost speċjali filli tqalleb f’ritratti “qodma” tal-familja u tara zijiet, ħutek u kuġini fi snin oħra meta lkoll konna iżgħar fl-età. Ritratti meħuda waqt laqgħat tal-familja, preċetti jew okkażjonijiet reliġjużi oħra, tiġijiet, xalati… Ir-ritratti ta’ min illum għandu ċerta età jibdew fil-griż u wara jsiru tal-kulur…

Għal min jinsab f’dawk ir-ritratti, ir-riflessjoni ddur mhux biss dwar kif iż-żmien jgħaddi malajr wisq, daqskemm ukoll fuq kif jinbidlu d-drawwiet u fuq kif in-nies tilbes u ġġib ruħha. Il-persuni li jidhru fir-ritratti, għalkemm jintgħarfu u baqgħu għeżież – għaddew kemm għaddew snin minn fuqhom u fuq min qed jerġa’ jqishom fir-ritratti tal-antik – donnhom ukoll qed jgħixu fi pjaneta oħra. Lura lejn l-istqarrija ta’ L.P. Hartley: “L-imgħoddi hu pajjiż barrani…”

Share With: