Użu tal-art

Minn Dr Alfred Sant

Bil-mod il-mod, daqs kwistjonijiet dwar kemm it-tkabbir ekonomiku qed jirnexxi, u dwar kemm il-ġustizzja soċjali qed titwettaq, suġġett ieħor beda jingħata attenzjoni bla waqfien fl-aġenda nazzjonali: l-użu li qed isir mill-art.

Fejn għandu jsir jew ma jsirx bini ġdid. X’għandu jitwaqqa jew jiġi protett minn art li nbniet fl-imgħoddi. X’għandu jitla’ minflok dak li jitwaqqa’ u kif. Sa fejn għandha tasal l-art mibnija. Sa fejn għandu jinżamm dak li baqa’ mill-kampanja.

Din il-priorità aqwa li qed jikseb l-użu tal-art mhux ġejja biss minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni tal-gżejjer tagħna, u mill-flejjes ġodda li daħlu bil-kbir fl-ekonomija u qed ifittxu investimenti li jagħtu frott malajr malajr. Qed titqanqal ukoll minn vuċijiet li bdew baxxi, imma m’għadhomx daqstant dgħajfa, biex jikkontestaw l-użu dejjem jinfirex tal-art għal għanijiet ta’ bini. Jagħmlu hekk lil hinn minn kunsiderazzjonijiet ambjentali.

Ma narax li fl-istadju attwali, l-użu tal-art hu fattur li se jinfluwenza wisq l-vot tal-poplu. Imma mhuwiex daqstant bogħod iż-żmien meta se jkun qed jagħmel hekk.

***

Drittijiet tal-propjetà

Fost il-kummenti li l-aktar laqtuni fl-aħħar xhur kien wieħed tal-ħabib tiegħi l-avukat Joe Brincat. Hu kien fost il-pijunieri, jekk mhux l-aqwa wieħed, li rsistew biex Malta tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sa mis-snin sebgħin u tmenin tas-seklu l-ieħor. Imma jekk fhimtu tajjeb, issa kważi jiddispjaċieh li għamel hekk.

Dan għax il-Konvenzjoni u l-qrati li japplikawha qed jintużaw biex jaffermaw id-drittijiet tal-propjetà anke kontra l-ħtieġa li jkun sostnut id-dritt fondamentali ta’ ħarsien soċjali għal min m’għandux mezzi biżżejjed biex iħallas bil-prezzijiet tas-suq għall-akkomodazzjoni tiegħu.

Il-kumment fih ħafna x’tomgħod. Ikun tajjeb li ssir riflessjoni fuq xinhi t-tifsira tiegħu u sa fejn twassal.

***

Ħarsien tal-annimali

U la qed nitkellmu fuq drittijiet, żvilupp progressiv ieħor fl-aħħar deċennji kien fl-istqarrija tad-drittijiet tal-annimali. Biha, l-bnedmin qed jirrikonoxxu li l-pjaneta tagħna tappartjeni għall-ispeċji kollha u mhux għall-umani biss. Allura il-preżenza ta’ annimali oħra magħna timplika li huma, daqsna, għandhom drittijiet kull fejn jinsabu.

Li ġara kien li l-bnedmin eżerċitaw is-supremazija li kisbu fuq il-bqija matul għoxrin, tletin elf sena biex effettivament ijassru l-annimali “sħabhom”. Uħud ġew esterminati, oħrajn qed jintużaw bħala materja prima għal fabriki li jipprovdu ikel għall-bnedmin, waqt li terġa’ oħrajn, jintużaw bħala ġugarelli, sors għal prodotti diversi permezz tal-ġilda, għadam jew parti oħra minn ġisimhom, u aktar.

F’dax-xenarju ta’ moħqrija u esplojtazzjoni tal-annimali mill-bniedem, li fl-aħħar tqawwiet l-għajta favur id-drittijiet tal-annimali hu żvilupp tal-aqwa importanza.

Share With: