Wisq Membri Parlamentari

Minn Dr Alfred Sant

Il-liġi maħsuba biex tassigura li jkollna numru minimu ta’ nisa membri fil-Parlament Malti hi waħda li ma tistax ma tappoġġahiex. Kien ilu jidher li bla sistema ta’ kwoti l-għadd ta’ nisa fil-Parlament se jibqa’ wisq wisq baxx. Il-liġi se jkollha l-istess effett bħal kwota u hi ħaġa inkoraġġanti li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tidher li hi favuriha.

Madankollu wieħed irid jinnota wkoll effett mhux daqstant “sabiħ” tal-liġi kif proposta: se żżid sew fil-għadd ta’ deputati. M’inix konvint li dan jagħmel sens – diġà l-Kamra tar-Rappreżentanti għandha wisq membri. Il-fatt hu li sal-lum, meta kien hemm bżonn li l-mod kif tiġi kostitwita jinbidel, biex ħadd ma jitriegħex, il-bidliet saru billi żdidulha n-numru ta’ membri.

Il-mistoqsija tqum dwar jekk din l-aħħar żieda hijiex se tikkomplika kull sforz li jista’ jsir biex il-membri parlamentari jsiru “fulltime” u jitħallsu ta’ hekk.

***

Bl-inċentivi biss?

Hemm ċerti bidliet soċjali – ejja nsejħulhom riformi – li rridu jew ma rridux se jkollna ndaħħlu. Jekk le, nispiċċaw qed nisfidaw regoli maqbula fl-Unjoni Ewropea u fuq front aktar wiesgħa. Ħafna minn dawn ir-riformi jirrigwardaw l-ambjent u l-ħidma kontra t-taħsir tal-klima, imma mhux biss. Diġà waqajna lura skont numru ta’ kriterji u daqt mhux se nkunu nistgħu nittratjenu aktar.

Apparti mid-dewmien biex tittieħed azzjoni effettiva mill-gvernijiet, kien hemm idea li donha ddominat l-istrateġija biex dawn ir-riformi jiddaħħlu. Kulħadd baqa’ konxju dwar kemm il-bidliet setgħu jurtaw nies għax jirrekjedu bidla qawwija fl-imġiba u fid-drawwiet, u se jfissru aktar spejjeż għaċ-ċittadini u għall-azjendi.

Imbagħad, il-ħsieb donnu kien li jekk jiddaħħlu biżżejjed “inċentivi”, ir-riformi jiġu aċċettati. Jidher li hekk għadu l-ħsieb. Imma veru li bl-“inċentivi” biss nistgħu naslu?

***

Suġġetti importanti

Ħabib staqsa lili u lil oħrajn: Liema mis-suġġetti mgħallma fil-livelli primarji u sekondarji għandhom jitqiesu bħala ta’ importanza ewlenija?

Minn naħa nqis mistoqsija bħal din b’ċertu xettiċiżmu għax kull suġġett għandu s-siwi tiegħu – bħall-istorja; jew l-arti… Min-naħa oħra, meta tqis fhiex bħala pajjiż, nidhru li qed navvanzaw imqabbla ma’ ħaddieħor u fejn sejrin lura, tirrealizza li trid tagħti priorità lis-suġġetti mgħallma skont kemm jistgħu jiswew fiċ-ċirkostanzi li qed naffaċċjaw.

Allura ikkonkludejt favur dil-priorità: il-matematika u x-xjenzi; u l-ilsna “moderni”. Jekk l-edukazzjoni li nagħtu jirnexxielha tissoda fil-mod kif dawn is-suġġetti jiġu mifhuma u mħaddma mill-istudenti tagħna, nara li jkollna bażi għal organizzazzjoni soċjali ferm aktar effettiva.

U issa rabbejt il-kurżità biex meta nerġa’ niltaqa’ ma’ dal-ħabib, insir naf xi tweġibiet oħra kellu.

Share With: